1 minute read

1,650 JITĦALLSU TALLI QED IDURU BI QRABATHOM

Is-sena li għaddiet ġew allokati €12.5 miljun

għall-Allowance għal Carers u l-Allowance

Advertisement

Miżjuda għal Carers, skemi li ddaħħlu fl-2017

L-iskema, li fl-aħħar sitt snin bdiet tinċentiva finanzjarjament lil dawk li jieħdu ħsieb persuni vulnerabbli fil-familja tagħhom, illum tara 1,650 persuna jibbenefikaw minnha.

L-għajnuna finanzjarja bi skop soċjali qawwi mhux biss iżżomm lill-membri tal-familji iżjed magħqudin, iżda wkoll ittaffi l-piż minn fuq l-Istat li, kieku, irid jalloka iżjed postijiet ta’ akkomodazzjoni alternattiva biex dawn il-vulnerabbli jkunu indokrati u jingħataw ilkura meħtieġa, bħal fil-każ ta’ anzjani.

Tagħrif, li ppreżenta fil-Parlament il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, juri li hemm 368 benefiċjarju tal-Allowance tal-Carers u 1,282 oħrajn li jitħallsu l-Allowance Miżjuda għal Carers.

Id-differenza bejn iż-żewġ benefiċċji hi determinata minn kejl mediku, fiżiku u mentali, tal-qraba li jkunu jeħtieġu l-indokrar u kura.

L-Allowance Miżjuda għal Carers, li ssarraf f’€160.97 fil-ġimgħa, jistgħu jgawdu minnha dawk li se jieħdu ħsieb lil xi ħadd fil-familja b’dipendenza għolja. Fil-każ tal-Allowance għal Carers, li għaliha l-Gvern joħroġ il-ħlas ta’ €107.87 filġimgħa, din hi għal każi fejn id-dipendenza hi medja.

Allokazzjoni simili fl-2012 kienet sitt darbiet inqas minn dik li hemm illum

Minn tagħrif li rnexxielha tikseb il-KullĦadd, jirriżulta li dawn il-benefiċċji, li ġew introdotti fl-2017 u jitħallsu b’erba’ ġimgħat bil-quddiem, fissru total ta’ madwar €12.5 miljun is-sena li għaddiet.

L-Allowance għal Carers u l-Allowance Miżjuda għal Carers kienu ħadu post il-Pensjoni tal-Wens u l-Assistenza Soċjali tal-Carers, bid-differenza li waqt li dawn tal-aħħar il-persuni vulnerabbli kienu suxxettibbli għal test tal-mezzi u allura mhux kulħadd kien eliġibbli, fiż-żewġ benefiċċji attwali dan mhux rikjest.

Iżjed minn hekk, jirriżulta li fl-2012 il-Gvern kien jalloka biss €1.9 miljun għall-Pensjoni tal-Wens u l-Assistenza Soċjali tal-Carers, sitt darbiet inqas mill-allokazzjoni tal-lum. Meta kien qed iwieġeb mistoqsija Parlamentari tad-Deputata Graziella Galea, il-Ministru qal li dawn l-għajnuniet wasslu biex aktar anzjani baqgħu jgħixu fil-komunità. Dan ifisser li baqgħu jgawdu l-kumdità tarresidenza tagħhom u ma sarux piż fuq is-sistema nazzjonali biex jinstabilhom post f’xi dar tal-anzjani.

Mill-istess informazzjoni mill-Parlament, jirriżulta wkoll li attwalment hemm 434 persuna mill-benefiċjarji li għandhom ’il fuq minn 60 sena, iżda inqas minn 65 sena, li qegħdin jieħdu ħsieb lill-qraba tagħhom.

This article is from: