2 minute read

IL-QTIL TAL-FAMILJA LAWSON

Charles Lawson joqtol lil martu u sitta mis-seba’ wlied

Kitba ta’ STEPHANIE CACCIATTOLO

Advertisement

Il-familja Lawson, li kienet tgħix f’Germanton, fl-istat Amerikan ta’ North Carolina, kienet magħmula minn Charles Davis Lawson, martu Fannie u tmint itfal, fejn wieħed minnhom miet meta kellu biss sitt snin. Il-qtil tal-familja Lawson seħħ f’jum il-Milied tal-1929 hekk kif il-missier qatel lil martu u sitta mis-seba’ wlied li kellhom. L-uniku wieħed li ħelisha kien it-tifel il-kbir, Arthur ta’ 19-il sena, li Charles kien bagħtu jagħmel xi qadi qabel ma wettaq id-delitti.

Il-familja Lawson

Fl-1911, Charles Lawson iżżewweġ lil Fannie Manring u flimkien kellhom tmint itfal. It-tielet wild, William, miet bil-pulmonite fl-1920 meta kellu biss sitt snin. Il-familja Lawson kienu jaħdmu bħala bdiewa li jkabbru t-tabakk f’għelieqi mikrijin. Hekk kif warrbu ftit flus, huma xtraw razzett fi Brook Cove Road. Kien għalhekk li fl-1918, il-familja Lawson marret tgħix f’Germanton.

Il-qtil tal-familja Lawson

Ftit jiem qabel il-Milied tal-1929, Charles Lawson ħa lil martu u lis-seba’ wliedu - Arthur ta’ 19-il sena, Marie ta’ 16-il sena, Carrie ta’ 12-il sena, Maybell ta’ seba’ snin, James ta’ erba’ snin, Raymond ta’ sentejn u Mary Lou ta’ erba’ xhur, fiċ-ċentru biex jixtrilhom ħwejjeġ puliti ħalli jieħdu ritratt tal-familja. Din ma kinitx xi ħaġa komuni li ssir minn familja tal-klassi talbdiewa u ’l quddiem tqajjem suspett li l-qtil kien premeditat.

Dakinhar tal-25 ta’ Diċembru tal1929, Lawson l-ewwel qatel lil Carrie u Maybell hekk kif kienu sejrin għand iz-zijiet tagħhom. Hu sparalhom tiri b’senter u wara tahom daqqiet b’oġġett tqil biex ikun ċert li kienu mietu. Wara, hu poġġa l-katavri tagħhom fejn kien jaħżen it-tabakk. Kif ħeles minnhom, Lawson mexa lejn id-dar u spara lil martu, li kienet qiegħda quddiem id-dar. Ġewwa kien hemm Marie, James u Raymond li semgħu t-tir u s-subien marru jipprovaw isibu fejn jistaħbew minn missierhom. Kif daħal, Charles spara lil Marie u sab lis-subien u qatilhom ukoll. L-aħħar vittma kienet it-tarbija, Mary Lou, li nqatlet b’daqqiet b’oġġett tqil. Wara li qatel lil martu u sitta minn uliedu, Charles ħareġ mid-dar u għamel diversi sigħat idur u jagħqad sakemm iddeċieda li jneħħi ruħu b’idejh. L-uniku membru tal-familja li baqa’ ħaj kien Arthur hekk kif dan mar qadja li qabbdu jagħmel missieru. In-nies semgħu l-aħħar tir u ssejħet il-pulizija. Arthur wasal flimkien ma’ uffiċjal tal-pulizija u dan tal-aħħar sab il-katavru ta’ Charles Lawson, flimkien ma’ ittri miktuba għall-ġenituri tiegħu. Il-katavri l-oħrajn instabu b’idejhom fuq xulxin u b’ġebel impoġġija taħt rashom.

Teoriji fuq il-qtil

Ir-raġuni għall-qtil tal-membri ta’ familtu mhix magħrufa iżda hemm żewġ teoriji li setgħu wassluh iwettaq dan l-att makabru. L-ewwel teorija hi li Charles Lawson kien weġġa’ rasu ftit xhur qabel li wettaq id-delitti, u li din setgħet biddlitlu l-istat mentali tiegħu. Minkejja dan, mill-awtopsja ma rriżultax li kien hemm xi abnormalitajiet f’moħħu.

It-tieni teorija kienet li Charles taqqal lil bintu Marie. Dan sar magħruf minn xi membri tal-familja fejn qalu li l-omm kienet fetħet qalbha magħhom u qaltilhom li bintha Marie kellha relazzjoni sesswali ma’ missierha. Kien hemm ukoll ħabiba ta’ Marie li qalet li din tal-aħħar kienet qaltilha li missierha taqqalha u li l-ġenituri tagħha kienu jafu b’dan. Ħafna jaħsbu li dan seta’ kien il-motiv wara l-qtil tal-familja biex ħadd ma jsir jaf b’dan l-iskandlu. Il-membri ndifnu f’ċimiterju tal-familja, li kien oriġinarjament użat mill-familja W.D. Browder, xi ħbieb u qraba. Illum, dan iċ-ċimiterju jintuża biss mid-dixxendenti tal-familja Browder biss. X’ġara wara

Ftit wara l-omiċidji, ħu Charles, Marion Lawson, fetaħ id-dar bħala attrazzjoni turistika. Il-viżitaturi setgħu jaraw id-dar u t-torta li ħmiet Marie filgħodu qabel inqatlet, fejn dawn kienu qed jieħdu ż-żbib minnha bħala tifkira. Kien għalhekk li din it-torta tqiegħdet f’kontenitur tal-ħġieġ biex in-nies ma jkomplux ibagħbsuha u baqgħet fih għal snin sħaħ.

This article is from: