2 minute read

INAWGURAT L-EWWEL OSSERVATORJU OTTIKU NAZZJONALI FIN-NADUR

Robert Abela: Għawdex jibqa’ fiċ-ċentru ta’ bosta proġetti f’setturi differenti, inkluż f’dan il-każ li qiegħed iwieġeb għall-ħtiġijiet edukattivi tal-lum il-ġurnata

Pajjiżna beda jgawdi mill-investiment fl-ewwel osservatorju astronomiku li ġie installat fil-Qortin t’Isopu, fil-limiti tan-Nadur. Minn dan il-proġett fil-forma ta’ ballun, li għadu kemm ġie installat f’waħda mill-aktar partijiet mudlama f’pajjiżna, kapaċi ssir l-aħjar osservazzjoni ottika tal-univers b’teknoloġija moderna li se sservi għall-istudenti lokali.

Advertisement

Minbarra hekk jistgħu jittieħdu ritratti impressjonanti ta’ dak li jiċċirkonda d-dinja, magħrufin bħala “first light”, kif qed jidhru f’din il-ħarġa. Dawn se jservu fl-istudji bir-reqqa tal-Istitut taxXjenza Spazjali u l-Astronomija (ISSA) fi ħdan l-Università ta’ Malta.

Wara studju dwar it-tniġġis tad-dawl mill-istess Università ġie stabbilit li l-Grigal ta’ Għawdex, qrib il-park tal-familja Ta’ Sopu, hu adegwat biex jospita dan il-proġett wara li ssodisfa numru ta’ kriterji, partikolarment għax minn hawn jista’ jiġi osservat sema mdallam lejn it-Tramuntana.

L-osservatorju se jibda jintuża għal skop ta’ riċerka u faċilità ta’ taħriġ għal studenti tal-fiżika u astrofiżika, waqt li jikkontribwixxi għal riżultati xjentifiċi. Se jkun qed iservi wkoll bħala faċilità ta’ taħriġ biex bosta studenti minn istituzzjonijiet edukattivi lokali jsaħħu l-kapaċitajiet tagħhom b’rabta mas-suġġetti li jkunu qegħdin jistudjaw u jimirħu fihom.

Minbarra hekk mistenni jservi biex iqajjem aktar kuxjenza xjentifika fost il-pubbliku inġenerali permezz ta’ attivitajiet varji, bħall-osservazzjoni tal-istilel u l-asterojdi.

L-osservatorju, ballun ta’ tliet metri wisa’, hu mgħammar internament b’teleskopju tat-tip Ritchey-Chrètien u b’kamera ta’ 16.8 megapixel u 9 micron pixel, waqt li jinkludi sensors tat-temp u kapaċità ta’ traċċar. Is-sistema kollha tista’ titħaddem ukoll b’mod remot.

It-tagħmir u l-faċilità nxtaraw wara tender pubbliku mingħand il-kumpanija Taljana Officina Stellare, li wkoll ħadet ħsieb l-installazzjoni.

Meta wieġeb mistoqsija Parlamentari fl-aħħar jiem, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li l-osservatorju astronomiku wasal mill-Italja u ġie installat fuq il-kmamar eżistenti li hemm fil-Qortin T’Isopu. L-osservatorju hu proġett konġunt bejn id-Direttorat EkoGħawdex u ISSA fi ħdan l-Università.

“Wara li ġie installat sarulu t-testijiet u l-kalibrazzjoni li kien hemm bżonn, fosthom fuq it-telescope tracking, dome tracking, focuser, adaptive op- tics, auto image guider, filter wheel u l-camera, u ttieħdu ukoll l-ewwel ritratti magħrufa bħala ‘first light’,” spjega Camilleri, waqt li indirizza mistoqsija mid-Deputat Chris Said.

Hu informah ukoll li “mill-Università ta’ Malta diġà hemm studenti li se jkunu qed jużaw dan l-ewwel Osservatorju Astronomiku Nazzjonali fir-riċerka tagħhom.”

Sadanittant, fost is-sensiela ta’ żjarat li l-Prim Ministru Robert Abela qed jagħmel fuq proġetti madwar Malta u Għawdex, hu żar dan l-osservatorju nazzjonali nhar il-Ġimgħa. Hu sema’ kif, wara studju kkummissjonat mill-Università, ġie stabbilit li l-kosta Għawdxija hi l-iżjed sit adegwat biex tospita dan l-ewwel proġett tax-xorta tiegħu f’pajjiżna.

Il-Prim Ministru kellu l-opportunità jiltaqa’ mal-Professur Joseph Caruana, astrofiżiku u kordinatur tal-proġett, fejn spjega iżjed fid-dettall l-importanza ta’ proġett bħal dan għall-qasam xjentifiku, ir-riċerka u l-innovazzjoni.

Tkellem ukoll ma’ numru ta’ studenti li kienu preżenti waqt iż-żjara u li qasmu l-ħsibijiet tagħhom fuq il-proġett. Hawn innota kif proġett bħal dan qed iwieġeb għall-ħtiġijiet edukattivi tallum u li permezz tiegħu se tissaħħaħ l-esperjenza edukattiva għal dawk li jitħarrġu fis-suġġetti tax-xjenza, il-fiżika, l-astronomija u oħrajn relatati. Il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex u mis-Segretajru Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti.

This article is from: