4 minute read

€304 MILJUN INQAS DEJN FL-2022

Għal darb’oħra kkonfermat kif il-finanzi tal-Gvern marru ferm aħjar minn dak li ġie mbassar preċedentement

Is-sena li għaddiet il-finanzi talGvern marru aħjar mit-tbassir li kien għamel il-Ministru għall-Finanzi fid-diskors tal-Baġit għall-2023 f’Ottubru li għadda, skont stqarrija maħruġa mill-Eurostat din ilġimgħa.

Advertisement

Fil-fatt, sa tmiem l-2022 id-dejn nazzjonali kien ftit aktar minn €9 biljun jew 53.4% tal-ġid nazzjonali u dan meta l-Ministru Clyde Caruana kien ħabbar mira ta’ €9.3 biljun jew 57.0% tal-ġid nazzjonali. Dan ifisser li meta mqabbel mal-miri fiskali tal-Gvern, fi tmiem is-sena li għaddiet id-dejn nazzjonali kien €304 miljun inqas. F’termini ta’ persentaġġ tal-ġid nazzjonali, il-piż tad-dejn nazzjonali kien 3.6% inqas mill-mira tal-baġit.

B’hekk, mill-ġdid, minkejja l-għajnuna straordinarja li qed tingħata lill-familji u lin-negozji, ir-riżultati finanzjarji talGvern Malti xorta qed ikunu ferm aħjar mit-tbassir. Ta’ min jinnota li l-figuri tad-dejn nazzjonali mħabbrin mill-Eurostat kienu wkoll inqas mit-tbassir li għamel il-Bank Ċentrali fir-rapport annwali tiegħu, fejn kien qiegħed jistenna li għall-2022 id-dejn tal-Gvern ikun ta’ 54.8%.

Din ma kinitx l-ewwel darba li l-Gvern mar aħjar mill-miri finanzjarji mħabbrin fil-Baġit, konferma oħra tal-galbu li bih qed jitmexxew il-finanzi pubbliċi kif ukoll li l-politika fiskali progressiva nazzjonali qiegħda dejjem twassal għal riżultati ekonomiċi aħjar milli mbassar.

Skont il-figuri tal-Eurostat, id-defiċit tal-Gvern is-sena li għaddiet kien €195 miljun aħjar mis-sena ta’ qabel. Dan seħħ għax id-dħul tal-Gvern żdied b’rata ferm aktar għolja miż-żieda fil-ħruġ tal-Gvern. B’hekk id-defiċit issa naqas għal 5.8% tal-ġid nazzjonali, minn 7.8% fl-2021 u 9.7% fl-2020.

Fiż-Żona Ewro d-defiċit naqas minn 7.1% fl-2020 għal 5.3% fl-2021 u 3.6% fl-2022. Filfatt, il-Gvern Malti qed jagħti sostenn fiskali ferm aktar għoli minn gvernijiet oħrajn Ewropej.

Minkejja dan, il-piż tad-dejn nazzjonali f’pajjiżna xorta qed jonqos b’rata qawwija. Waqt li fl-2021 dan kien ilaħħaq il-55.1% tal-ġid nazzjonali, issa naqas għal 53.4%. B’kuntrast, fiż-Żona Ewro il-piż tad-dejn nazzjonali naqas minn 95.5% għal 91.6%, li jfisser li pajjiżna għandu s-seba’ l-inqas piż ta’ dejn nazzjonali minn fost il-membri ta’ din l-unjoni monetarja.

Ta’ min ifakkar ukoll li f’Marzu tal-2013, skont il-Eurostat stess, il-piż tad-dejn nazzjonali ta’ pajjiżna kien kważi 70% jew terz akbar mill-piż preżenti.

Mir-rapport annwali tal-

Bank Ċentrali, ippubblikat din il-ġimgħa wkoll, joħroġ li d-dejn tal-Gvern se jibqa’ inqas minn 60% fit-tliet snin li ġejjin.

Kif ikkonfermat mill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, il-Professur Edward Scicluna, f’kummenti lil ONE News, dan ifisser li l-ekonomija Maltija mhux se tidħol f’riċessjoni, minkejja dan il-perjodu ta’ sfidi internazzjonali bla preċedent.

Sadanittant, l-istess rapport qed jantiċipa li t-tkabbir ekonomiku matul din is-sena mistenni jkun ta’ 3.7%, li hu ferm iżjed mill-medja tal-pajjiżi l-oħrajn taż-Żona Ewro, li se tkun waħda minima ta’ 1% jew 2.7% inqas. Mill-istess rapport joħroġ li fl-2022, li ġabet l-akbar kriżi tal-enerġija bil-Gwerra fl-Ukrajna, l-ekonomija Maltija kibret bi kważi 7%, waqt li l-medja fil-pajjiżi fiż-Żona Ewro kienet ta’ 3.5%, nofs it-tkabbir lokali. Waqt it-tnedija tar-rapport annwali, l-ekonomista Aaron Grech spjega li dan it-tkabbir ekonomiku ġie minħabba żieda fid-domanda domestika, li tlaħħaq ma’ dik ta’ qabel il-pandemija, u anke b’riżultat ta’ rkupru qawwi fis-settur turistiku. Hu semma wkoll l-importanza tal-għajnuna li għadha tingħata mill-Gvern biex il-prezzijiet tal-enerġija u tal-fuels għallfamilji u n-negozji baqgħu stabbli. Dan wassal biex is-sena l-oħra, ir-rata tal-inflazzjoni f’pajjiżna kienet ferm inqas mill-medja tal-pajjiżi fl-UE.

L-esperti tal-Bank Ċentrali wkoll jgħidu li l-ekonomija Maltija mistennija tikber b’iżjed minn 3.5% is-sena d-dieħla u ta’ wara. Hawnhekk l-ekonomija se tkompli taqbeż il-medja tar-rata tat-tkabbir ekonomiku tal-pajjiżi fiż-Żona Ewro.

Minn dan ir-rapport talBank Ċentrali ħareġ li r-rata tal-qgħad f’pajjiżna se tibqa’ waħda baxxa u l-inqas li qatt kienet fl-istorja, filwaqt li l-opportunitajiet ta’ xogħol f’pajjiżna mistennija jkomplu jiżdiedu fiż-żmien li ġej. Dwar l-inflazzjoni, ir-rapport juri li fix-xhur li ġejjin, l-inflazzjoni se tilħaq l-ogħla punt, iżda sal-aħħar tas-sena din se tkun inqas minn dik tas-sena li għaddiet. Dan filwaqt li s-sena d-dieħla u ta’ wara, din mhix mistennija tkun wisq iżjed minn 2%.

Dan kollu jsegwi ċertifikati tajbin ħafna li ngħatat l-ekonomija Maltija fl-aħħar xhur minn istituzzjonijiet bħall-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) u l-aġenziji ta’ kreditu Fitch, S&P Global Ratings u DBRS Morningstar.

Fattur ewlieni u komuni għal dawn kienet id-deċiżjoni talGvern li jdaħħal miżuri qawwija biex, fi żmien il-pandemija u issa bil-konsegwenzi devastanti tal-Gwerra fl-Ukrajna, ikun ta’ sostenn kontinwu għall-familji u n-negozji.

Il-pajjiż irid ikompli jsib bilanċ u jżomm il-kompetittività, il-konsum jibqa’ għoli u jibqgħu taħt kontroll id-defiċit u d-dejn nazzjonali

Skont l-ekonomista Jessica Camilleri (inset), ir-rapporti internazzjonali pożittivi u prospettivi stabbli jixhdu r-reżiljenza li wriet l-ekonomija Maltija, minkejja li, fiċ-ċokon tagħha, hi iżjed sensittiva għax-xokkijiet li jiġu minn barra.

F’kummenti lil ONE News, hi tenniet li fix-xhur li ġejjin, il-pajjiż irid ikompli jsib bilanċ u dejjem jara liema inizjattivi jkunu meħtieġa biex tinżamm il-kompetittività tal-pajjiż, ilkonsum lokali jibqa’ għoli, filwaqt li jibqgħu jiġu kkontrollati d-defiċit u d-dejn nazzjonali.

IL-PN GĦADU QED JOPPONI L-GĦAJNUNA FL-ENERĠIJA

Il-Partit Nazzjonalista reġa’ sostna l-pożizzjoni tiegħu kontra l-għajnuna multimiljunarja lill-familji u lin-negozji, li wasslet biex il-prezzijiet tal-enerġija ma jiżdidux f’Malta, bil-maqlub ta’ pajjiżi oħrajn li għotru fil-kriżi li rriżultat mill-Gwerra fl-Ukrajna fl-aħħar sena u ħallew lill-popli tagħhom jiżżerżqu lejn livell ġdid ta’ faqar.

F’konferenza tal-aħbarijiet din ilġimgħa, id-Deputat Nazzjonalista Chris Said qal li mhux biss jaqbel mal-Kap Bernard Grech, meta esprima ruħu b’dan il-mod fl-aħħar xhur, iżda saħansitra indika li l-għajnuna, li biha l-kontijiet tad-dawl, il-gass u l-fuels ma għolewx, għandha tieqaf immedjatament.

Iffaċċjat bil-mistoqsija tal-ġurnalist ta’ ONE News, Eman Portelli, jekk jaqbilx mal-Kap tiegħu li l-għajnuna fl-enerġija mhijiex sostenibbli, Said tenna li “kellu raġun, mhux Bernard Grech qed jgħidha. Bernard Grech qalha, imma qed jgħiduha l-istituzzjonijiet internazzjonali. L-Unjoni Ewropea, mhux Bernard Grech biss, lill-Gvern Laburista qed tgħidlu: ‘ej, ara x’se tagħmel, ibda l-phasing out’.”

Sa ftit tax-xhur ilu, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech f’diskors fil-Kamra tal-Kummerċ kien qal “li tibqa’ tissussidja l-enerġija żgur li mhijiex l-aktar għażla sostenibbli.”

Hu kien qal ukoll li, li kien għalih, jagħmel bħalma kien għamel il-Gvern ta’ GonziPN aktar minn għaxar snin ilu, jiġifieri li jħalli s-suq isuq u jitfa’ l-piż tal-prezzijiet tad-dawl fuq in-nies, għax dan ikun ogħla minn barra.

“Rigward il-prezzijiet. Meta l-prezzijiet bħalma ġara fl-2008, 2009, 2010, 2011 u 2012, jogħlew internazzjonalment, jogħlew għal kulħadd,” iddikjara l-Kap tal-Oppożizzjoni, xi ħaġa li qanqlet il-memorji koroh tal-agħar piżijiet li l-Gvern tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi kien impona “bil-qalb”.

Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, li saret nhar l-Erbgħa waranofsinhar, id-Deputat Għawdxi qrib tal-establishment Nazzjonalista, imbagħad, kompla jisħaq li s-sitwazzjoni tal-għajnuna tal-Gvern għandha tieqaf, għax, skontu, mhix sostenibbli.

F’reazzjoni, il-Partit Laburista tenna fi stqarrija li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ mhux kredibbli, speċjalment meta l-Kap tiegħu jattakka l-għajnuna kbira li l-Gvern qed jagħti fuq il-prezzijiet tal-enerġija, maħsuba biex tgħin lill-familji u n-negozji.

“Il-PN mhux biss m’għenx lin-nies meta kien fil-Gvern, iżda li kien għalih illum il-Gvern iwaqqaf l-għajnuna. Dan il-Gvern għen lill-familji, filwaqt li baqa’ jżidilhom id-dħul b’inizjattivi oħrajn, bħaż-żidiet fil-pensjonijiet, iċ-Children’s Allowance u l-In-Work Benefit, fost ħafna oħrajn. In-nies jafu li, quddiem sfidi ta’ dan it-tip, hu biss il-Gvern Laburista li kapaċi jkun ta’ spalla għalihom,” temmet tgħid stqarrija tal-PL.

This article is from: