3 minute read

NATAL FELICE U ĠNIEN IL-MISTRIEĦ

Natal twieled fi Frar, ix-xahar tal-Karnival, festa li ġġib magħha ferħ, bluha u kuluri. Natal hu dilettant kbir tal-Karnival. Belti, hux! Biss, tajjeb tiftakru wkoll li bosta drabi Frar iġib miegħu r-Randan, żmien ta’ sawm u astinenza. Ir-renju tal-Karnival qasir wisq u żgur ma jħallikx tidrah. U għal Natal fil-ħajja aktar kien hemm Randanijiet milli Karnivali, anke jekk dejjem ipprova jkun il-buffu li jnissel il-ferħ u t-tbissim madwaru.

F’ħajtu ftit ra tbissim u bluha; ftit kellu x-xorti jitgħaxxaq bil-varjazzjoni ta’ kuluri li hawn madwarna. L-uniku kulur li jagħraf sew hu l-iswed. Jew, biex forsi ma nkunx daqstant pessimist, insemmi l-vjola. Ix-xorti ma tantx daħqitlu. Beżżul. Fuq rasu aktarx tilmaħ miexja sħaba griża u kważi xpakkata bl-ilma, lesta biex tqattar, imbagħad ixxarrab u wara tgħerreq. Mill-bidu nett destinu kien tqil u kiefer; twieled fiddell tal-mewt. Ma’ twelidu flok dwiet il-bikja tal-ferħ u l-ħajja nstemgħet il-karba tal-firda. Fi twelidu ma xorbux grokkijiet tal-aniżett jew daqu l-biskuttin tal-lewż. Twelidu ġab imrar u qrusa.

Advertisement

Fl-imgħoddi, fit-twelid ta’ tarbija ġdida, il-missier kien imur ferħan ifittex lis-sagristan u, waqt li jżerżaqlu dik ix-xi ħaġa żejda, kien jitolbu jimmarka t-twelid tat-tarbija tiegħu bid-daqq tal-qniepen. Imma mhux hekk għal Dumink. Missier Natal ma kellux għalfejn iħallas lis-sagristan biex idoqqlu l-qniepen. Dakinhar il-qniepen xorta daqqew. Kif fetaħ għajnejh u ġibed l-ewwel nifs fi mnifsejh, il-qanpiena ħabbarija tal-kampnar xandret b’leħenha kiebi l-mewt mhux mistennija ta’ żagħżugħa.

X’kuntrast qawwi mat-twelid li suppost inissel ilferħ ta’ ħajja u miġja ġdida! Dakinhar dlonk instemgħet għanja ddisprata. Bla ma taf, il-qanpiena tal-kampnar immarkat destinu. Destin iebes li lil Natal mill-ewwel dewwaqlu n-niket tal-firda. Ma’ twelidu, mill-ewwel mess mal-mewt. Imma ż-żmien jgħaddi u xi ftit itaffi.

Biss, inessi le, qatt u qatt. Natal hu orfni. Għaddiet sena mill-mewt ta’ Marjanna. Kien it-13 ta’ Frar 1950. Għax bilħaqq, insejt ngħidilkom li anke n-numru ta’ Natal hu mtappan għax twieled fit-13. Issa ħalliha li din mhux kulħadd jemminha jew hu superstizzjuż dwarha. Dakinhar, missier Natal sab il-kuraġġ u mar għall-ewwel darba fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata fuq l-oqbra tal-Fratellanza tas-Sagrament tal-Knisja tal-Porto Salvu ta’ San Duminku tal-Belt. Mur għidlu li ’l quddiem dan kellu jkun il-post li jgħajjex lil ibnu! Dakinhar fetaħ qalbu, tkellem ma’ martu, u għall-ewwel dabra beka u straħ. Bejn bikja u oħra, Duminku fetaħ qalbu, sfoga u stqarr: “Għażiża tiegħi, kif ħallejtni ħin bla waqt! Miegħek ħajti kienet ġnien ta’ sliem u ward. Fik sibt il-ferħ, ma kien jonqosni xejn. Kont għani anke jekk fqir. Kif nista’ ninsa t-tbissima ħelwa u mistħija tiegħek fuq dawk ixxofftejn qrollin! Kemm deher ruxxan u sabiħ wiċċek dakinhar li konna ltqajna! Iż-żmien għadda u begħedna. Firidna għal dejjem. Illum kulma qed nara hu biss ritratt fuq irħama kiesħa u sfajra. Bejnu u bejn il-veru sbuħitek hemm baħar jaqsam; lanqas ix-xita fejn in-nida. Bħal iblah spiċċajt inbus ir-ritratt tiegħek. Bewsa artifiċjali li fiha ma nħossx is-sħana ta’ xofftejk. Il-kesħa tal-irħam tirrifletti s-sirda ta’ qalbi. Ġismi jqumli xewk xewk meta niftakar xi tlift. Kemm kien kiefer miegħi d-destin! Ħajti ffriżat. Diġà għaddiet sena minn mindu nfridna.

M’hemmx li mmut ħa niġi ħdejk! Fil-mument li fih kellna nifirħu u naqtgħu frott imħabbitna, infridna, u flok ir-rożolin doqt velenu qares. Min kellu jgħidli li d-disa’ xhur li matulhom tant stennejna b’ferħ, imħab- ba u ħerqa kienu d-disa’ xhur li fi tmiemhom kellhom iwassluna sa qabrek! U issa ħallejtni waħdi b’tarbija li ma nafx inrabbi. Tarbija li destinha se jkun iebes u qalil. Tarbija sfortunata li mank sabet lil min ireddagħha. Tifel li kif inħares lejh nilmaħ il-firda. Povru Natal! Kif jista’ jitrabba mingħajr l-imħabba u l-wens tal-omm? Iva, jien inħobbu lil ibnek, imma agħdirni. Kull xħin inħares lejh bla ma rrid niftakar li twelidu ġab mewtek. Biex ġie hu, mitt int. Twelid versu mewt, tmiem versu ħajja. Għaliex itteħidt minn fostna bla mistenni?

Mistoqsija: F’liema xahar twieled Natal?

Ibagħtu r-risposta tagħkom lil: Kompetizzjoni Ktieb, KullĦadd, ONE Complex A 28B, Industrial Estate, il-Marsa MRS 3000, u tidħlu biċ-ċans li tirbħu l-ktieb NATAL FELICE U ĠNIEN IL-MISTRIEĦ. Ir-rebbieħ jitħabbar nhar il-Ħadd 19 ta’ Frar. Ir-rebbieħa huma mitluba jiġbru l-ktieb mill-ONE Complex, il-Marsa, billi jippreżentaw il-karta tal-identità, flimkien mal-ittra li se tintbagħtilhom minn din il-gazzetta, mit-Tlieta sal-Ġimgħa bejn id-09.00 u s-13.00, u s-Sibt bejn il-11.00 u l-16.00, festi pubbliċi esklużi. Intant, ir-rebbieħa tal-ktieb IL-KREATURA TAĦT IS-SODDA hija:

Ġemma’ l-kupuni ta’ ħames ġimgħat wara xulxin kif ukoll wieġeb il-mistoqsija marbuta mal-aħbarijiet. Ibgħathom f’daqqa lil: KOMPETIZZJONI €100, KullĦadd, ONE Complex, A 28 B, Industrial Estate, Il-Marsa MRS 3000

Fejn klassifikat Malta fid-drittijiet LGBTIQ?

Isem:

Numru tat-telefown:

Tweġiba:

Indirizz:

This article is from: