3 minute read

MALTA TIBQA’ TAĦDEM FAVUR DRITTIJIET LGBTIQ MINKEJJA KULL SUĊĊESS

Impenn

biex isir ċentru tal-komunità b’servizzi u faċilitajiet taħt saqaf wieħed

Advertisement

Malta kompliet tagħmel passi sinifikanti biex issaħħaħ id-drittijiet u l-ugwaljanza ta’ persuni LGBTIQ fostna, kif joħroġ mill-aħħar rapport ta’ evalwazzjoni tal-għaqda internazzjonali ILGA-Europe. Malta għadha kklassifikata l-ewwel u sew qabel kull pajjiż ieħor fil-mappa ta’ ILGA-Europe, li tiġi riveduta kull sena. L-evalwazzjoni pożittiva ta’ pajjiżna hi riżultat ta’ ħidma konġunta bejn l-awtoritajiet u organizzazzjonijiet relatati fis-soċjetà ċivili, fosthom blimplimentazzjoni tal-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza LGBTIQ+ 2018-2022.

F’kummenti lill-KullĦadd, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg (inset), qalet li l-ħidma se tissokta bl-istess ritmu qawwi li ilha għaddejja bih sa mill-2013 mindu nbidlet l-amministrazzjoni nazzjonali u aktar tard din is-sena titħabbar l-istrateġija l-ġdida nazzjonali f’dan ir-rigward.

Minbarra hekk, hi saħqet li l-Gvern qed jaħdem biex, kif imwiegħed fil-manifest elettorali “Malta Flimkien”, jinfetaħ ċentru għall-komunità LGBTIQ+, bilgħan li jġib taħt saqaf wieħed numru ta’ servizzi u faċilitajiet ipprovduti mill-awtoritajiet u mis-soċjetà ċivili lil persuni simili, minn adolexxenti sa anzjani.

“Dawn ir-riformi dejjem saru u se jibqgħu jsiru b’sens qawwi ta’ ġustizzja soċjali u ugwaljanza. L-impenn talGvern se jkun qed jiġi kkonfermat hekk kif f’Settembru Malta tospita l-akbar manifestazzjoni LGBTIQ+ internazzjonali … il-Europride 2023.

Din se tkun opportunità biex nuru vjaġġ ta’ kburija nazzjonali li skatta minn Gvern Laburista,” qalet Buttigieg dwar l-avveniment li se jsir bejn is-7 u s-17 ta’ Settembru u dettalji dwar il-programm tiegħu tħabbru ġimagħtejn ilu

Ir-rapport ta’ ILGA-Europe, li janalizza x-xogħol f’54 pajjiż differenti, sab li Malta għadha fid-direzzjoni t-tajba. Fl-aħħar klassifikazzjoni tagħha, li ħarġet is-sena li għaddiet, Malta laħqet 92% tal-kriterji stabbiliti, waqt li l-eqreb pajjiż tagħna, id-Danimarka, jikklassifika fit-tieni post b’74%.

Issa fl-aħħar jiem ILGA-Europe tat ħarsa speċifika lejn il-ħidma f’Malta favur l-ugwaljanza LGBTIQ u tirreferi, fost l-oħrajn, għat-taqsima SOGIGESC fid-Di- rettorat għad-Drittijiet tal-Bniedem, li ħadmet fuq bosta kampanji ta’ għarfien, waqt li sostniet l-importanza tat-taħriġ lil ħaddiema tas-Servizz Pubbliku, bħal edukaturi, impjegati ta’ Identity Malta, rekluti u uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija.

Ir-rapport jirrikonoxxi wkoll il-fatt li Malta neħħiet darba għal dejjem id-diskriminazzjoni kontra rġiel omosesswali fejn jidħol l-għoti taddemm. L-għan ewlieni wara din il-bidla hu li kull min jixtieq jagħti d-demm mhux se jibqa’ jiġi diskriminat abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tiegħu, iżda kulħadd se jiġi ttrattat l-istess.

Fl-ewwel reazzjoni tagħha għal dan ir-riżultat, isSegretarju Parlamentari ddeskrivietu bħala parti minn vjaġġ ta’ kburija nazzjonali li skatta minn Gvern Laburista u li jżommu impenjat biex idaħħal aktar riformi favur soċjetà ta’ mħabba fejn ngħożżu lil xulxin, ikunu x’ikunu l-għażliet personali tal-individwu.

“Fl-aħħar erba’ snin, bħala parti mill-isforz nazzjonali tagħna, pajjiżna għamel progress sinifikanti bl-istrateġija u pjan t’azzjoni dwar l-ugwaljanza. Kisba notevoli kienet it-tneħħija tal-politika diskriminatorja li żammet lill-irġiel gay milli jagħtu d-demm. Dan il-pass wassal għal bidla sinifikanti fil-prassi, mingħajr ebda forma ta’ diskriminazzjoni,” kompliet is-Segretarju Parlamentari. Hi fakkret ukoll li, minbarra hekk, il-Gvern implimenta miżuri oħrajn biex jippromwovi l-inklussività, bħall-introduzzjoni ta’ uniformijiet gender neutral għall-pulizija.

“Fl-istess ħin, fl-2022, infetħet uffiċjalment il-binja l-ġdida tal-Gender Wellbeing Clinic f’Raħal Ġdid, li qed toffri spazju aktar modern minn fejn jiġu offruti servizzi tas-saħħa speċjalizzati għal persuni trans. Din il-klinika fetħet il-bibien tagħha għall-ewwel darba fl2018 meta bdiet topera mill-Imtarfa. Minn dakinhar kien hemm aktar minn 340 persuna li għamlu użu mis-servizzi tal-klinika u għaldaqstant inħasset ilħtieġa li jinstab post alternattiv ħalli jilqa’ għal din id-domanda.

“Dawn huma ftit mill-miżuri li wasslu biex qed ngħixu f’soċjetà aktar ugwali u ġusta. Diġà beda x-xogħol biex tiġi varata strateġija ġdida b’konsultazzjoni mal-kunsill konsultattiv li jilħaq fi ħdanu rappreżentanti tal-komunità LGBTIQ. L-għan hu li l-istrateġija titħabbar aktar tard matul is-sena,” qaltilna Buttigieg.

Ta’ min ifakkar ukoll kif Malta kienet l-ewwel pajjiż Ewropew li pprojbixxa l-prattiċi ta’ konverżjoni fil-konfront ta’ persuni LGBTIQ. Kien fl-2016 li l-Gvern Malti ressaq ’il quddiem l-Att dwar l-Affermazzjoni tal-Orjentazzjoni Sesswali, l-Identità tal-Ġeneru u l-Espressjoni tal-Ġeneru, li għamel illegali l-prattika li għandha l-għan li tbiddel, trażżan jew telimina l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru ta’ persuna, jew espressjoni tal-ġeneru.

“B’sodisfazzjon kbir, mhux biss għax kien il-Partit Laburista fil-Gvern il-pijunier f’leġiżlazzjonijiet li imbottaw ’il quddiem id-drittijiet ċivili, imma proprju għax Malta kienet l-ewwel waħda f’kontinent sħiħ li għamlet dan. Hu ta’ sodisfazzjon akbar li tara pajjiżi, fosthom Franza, Ċipru u l-Belġju, li użaw il-liġi Maltija bħala l-bażi biex bnew il-qafas legali tagħhom,” irrimarkat Buttigieg.

Wara li daħlet fis-seħħ din il-liġi u bdiet taħdem fil-prattika, inħass il-bżonn li jsiru emendi biex tkompli tissaħħaħ. Il-proċess, li jinstab fl-istadju tat-Tieni Qari fil-Parlament, se jkompli jsaħħaħ dan l-Att billi jagħti definizzjoni dettaljata ta’ xi jfisser reklamar, biex b’hekk illiġi tkun qiegħda taddatta għaż-żminijiet tal-lum, fejn it-teknoloġija tista’ tagħti lok għal abbuż. Din l-emenda se sservi biex tagħti aktar għodda lill-Pulizija li jieħdu l-passi neċessarji fil-konfront ta’ dawk li jipprovaw jippromwovu dawn il-prattiċi li jagħmlu ħsara kbira lill-komunità LGBTIQ u huma kkundannati b’mod wiesa’ f’pajjiżi ċivilizzati.

“Hu ta’ tħassib serju li fis-sena 2023 għad hawn min jaħseb li jista’ jwettaq din it-tip ta’ prattika ta’ konverżjoni u jippersisti fil-promozzjoni bi pretensjonijiet foloz, minkejja diversi studji xjentifiċi li juru biċ-ċar li din tikkawża ħsara kemm għas-saħħa fiżika kif ukoll dik psikoloġika,” temmet tgħidilna Buttigieg, waqt li fakkret kif Malta kontinwament tiġi mfaħħra għall-isforzi biex tipproteġi l-komunità LGBTIQ+ minn attitudnijiet qarrieqa u perikolużi simili.

This article is from: