4 minute read

KARKARIŻI LI KITBU L-ISTORJA VINCENZO BORG BRARED

Kitba ta’ CLIFFORD GALEA

Il-Kavallier Vincenzo Borg Brared kien wieħed mill-benefatturi ewlenin tal-Bażilika Elenjana f’Birkirkara. Dejjem kienet ix-xewqa ta’ ħajtu, li qabel ma jmut jirregala statwa proċessjonali tal-qaddisa patruna Sant’Elena lill-knisja ta’ raħal twelidu. Il-ħolma tiegħu saret realtà meta ffirma l-kuntratt mal-iskultur Salvatore Psaila nhar is-26 t’Awwissu 1833.

Advertisement

Psaila dam erba’ snin biex naqqax u indura l-iskultura kapolavur tiegħu u l-istatwa maestuża daħlet b’solennità għall-ewwel darba fil-Knisja Kolleġġjata nhar it-18 ta’ Lulju, 1837, jum il-mewt tal-benefattur tagħha Vincenzo Borg Brared. Hu kien ukoll magħruf bil-laqam tiegħu ta’ Brared, twieled f’Birkirkara fil-11 ta’ Jannar 1777. Bħal missieru, huwa kien negozjant, proprjetarju ta’ pjantaġġuni tal-qoton u esportatur magħruf tal-ħjut tal-qoton lejn is-suq Spanjol. Vincenzo kien ukoll wieħed mil-mexxejja ewlenin tal-qawmien tal-Maltin fl-imblokk tal-Franċiżi bejn l-1798 u l-1800.

Meta l-Maltin bdew ir-rewwixta kontra l-Franċiżi fl-1798, Brared ingħażel min-nies ta’ Birkirkara u l-Mosta bħala r-rappreżentant tagħhom. Ġie fdat bit-tmexxija tal-ikbar battaljun tal-armata tal-Maltin, u flimkien ma’ Emmanuele Vitale u Francesco Saverio Caruana (li iktar tard sar isqof ta’ Malta) kien meqjus bħala mexxej ewlieni tar-rewwixta.

Ir-residenza ta’ Vincenzo Borg Brared f’Birkirkara

Waqt l-imblokk, bennejja tas-sengħa taħt it-tmexxija tiegħu bnew numru ta’ batteriji biex minnhom jattakkaw il-qagħdiet Franċiżi u jilqgħu għall-kontrattakki tagħhom. Dawn il-batteriji nsibuhom f’qagħdiet strateġiċi bħal f’Ta’ Għargħar (San Ġwann tal-lum), f’Ta’ Għemmuna (fejn illum hemm il-Lukanda Dragonara f’San Ġiljan) u diversi nħawi oħra f’Tas-Sliema.

Il-kwartier ewlieni tal-battaljun ta’ Brared kien firRazzett ta’ Xindi, li għadu jeżisti sal-lum fit-trufijiet ta’ San Ġwann qrib l-Isptar Mater Dei. Dan huwa wieħed mill-ftit binjiet militari Maltin ta’ żmien l-imblokk tal-Franċiżi li għadu jeżisti sal-lum.

Ir-Razzett ta’ Xindi –il-kwartier militari ta’ Brared bejn l-1798 u l-1800

Fl-4 ta’ Frar 1799, Brared f’isem il-Maltin, talab lill-Kaptan Navali Ingliż, Sir Alexander Ball, biex Malta titqiegħed taħt il-protettorat tal-Imperu Brittaniku. Dakinhar huwa tella’ l-ewwel bandiera Ingliża f’pajjiżna, proprju fuq ir-Razzett ta’ Xindi. Fit-2 ta’ Frar 1801, Brared ingħata il-medalja tad-deheb magħrufa bħala Pro Patria b’rikonoxximent għar-rwol tiegħu fl-imblokk tal-Franċiżi.

Tliet snin wara, f’Jannar tal-1804, Vincenzo Borg Brared kellu xi jgħid bl-ikrah mal-Kaptan Ball minħabba intriċċi politiċi tal-Ingliżi u kien saħansitra tpoġġa taħt house arrest. Iżda snin wara, l-Imperu Ingliż irrikonoxxieh ukoll bl-għoti tal-grad ta’ Kavallier tal-Ordni ta’ San Mikiel u San Ġorġ nhar id-9 ta’ Frar 1833.

Ftit insibu materjal stampat dwar Vincenzo Borg Brared, u l-ftit tagħrif li nafu dwar il-karattru tiegħu nsibuh biss fi ktieb rari ppubblikat f’Londra fl-1811 bl-isem: The Appeals of the Nobility and People of Malta to the Justice, Public Faith and Policy, of the British Government . F’dan il-ktieb insibu kapitlu sħiħ bl-isem “Character of Vincenzo Borg”, miktub minn uffiċjal Ingliż stazzjonat f’Malta li kien jafu sew.

Fost ħafna dettalji dwar il-karattru nobbli ta’ Borg Brared, insibu li kien magħruf sew għall-onestà kbira tiegħu u għall-għeruq reliġjużi Nsara li kien iħaddan. Is-sens għoli ta’ ġustizzja li kellu Vincenzo, kien jagħmlu persuna mfittxija sew fost il-poplu Karkariż speċjalment f’ċirkostanzi li kienu jeħtieġu ġudizzju. Għal ħafna, kien meqjus kważi qisu l-imħallef tar-raħal, u kienu joqogħdu għad-deċiżjoni u l-parir aħħari tiegħu. Kien żgur li għalhekk, meta l-Karkariżi ġew biex jagħżlu rappreżentant dehen tagħhom, biex imexxihom fi żmien l-imblokk tal-Franċiżi, bla tlaqliq għażlu lilu. L-Ingliżi stess, f’dan il-ktieb, jistagħġbu kif bit-tmexxija għaqlija tiegħu u tal-kollegi tiegħu, kien irnexxielhom jingannaw tant tajjeb lillFranċiżi. Ħadd mill-Franċiżi stazzjonati f’Malta ma induna x’kien qed jinħema, għaliex fil-pjan għaqli tagħhom il-mexxejja Maltin ikkonvinċew lill-maġġoranza kbira tal-poplu biex juru wiċċ b’ieħor quddiem il-qawwiet Franċiżi. Tant li dawn ħadu l-impressjoni li l-Maltin kienu kuntenti u trankwilli bit-tmexxija tagħhom u bl-ebda mod ma ħolmu bir-rewwixta li kienet qed tinħema. Il-ftit Maltin li kienu msieħba mal-qawwiet Franċiżi kienu magħrufa sewwa, u għalhekk ġew mhedda b’ħajjithom u dik ta’ familthom jekk jippruvaw jikxfu xi informazzjoni li jkunu saru jafu biha dwar il-qawmien tal-Maltin. Numru sew minnhom inqatlu malFranċiżi mill-qawwiet Maltin stess waqt ir-rewwixta.

Il-pjanijiet għar-rewwixta tal-Maltin, Borg Brared u sħabu ħejjewhom mingħajr ma talbu l-għajnuna ta’ ħadd, lanqas ta’ ħuthom l-Għawdxin li kienu diġà qamu kontra l-Franċiżi u tellquhom ’il barra minn gżirithom f’Ottubru tal-1798. Id-determinazzjoni li jerġgħu jakkwistaw għal Malta d-dinjità, id-drittijiet u l-ħelsien tagħha kienet aqwa minn kull periklu jew diffi- kultà li kellhom jaffaċċjaw ilMaltin.

Lill-Karkariż Borg Brared insibuh quddiem nett fl-ewwel sinjal tal-qawmien kontra l-ħakkiema Franċiżi, fl-assalt fuq l-Imdina fit-2 ta’ Settembru 1798. B’riżultat ta’ din ilġrajja, Malta rat il-ħolqien tal-Kunsill tal-Maltin li semmewh “Il-Kungress” u li fih Brared kien ir-rappreżentant elett tal-Karkariżi.

L-istima kbira lejn dan il-persunaġġ, intweriet ukoll mal-wasla tal-qawwiet Ingliżi ’l barra mill-Port il-Kbir fl-1800, għax l-ittri uffiċjali kollha tal-Kaptan tal-flotta Brittanika, Sir Alexander Ball, li kien ġie inkarigat minn Lord Nelson biex imexxi l-imblokk tal-Franċiżi f’Malta, insibuhom indirizzati direttament lil Vincenzo Borg Brared, bħala mexxej talMaltin.

Borg Brared kien il-promutur ewlieni tal-ħsieb li għallġid ta’ pajjiżna, Malta għandha titlob li titpoġġa taħt il-protettorat tal-Gran Brittanja u tagħraf lill-Maestà

Tiegħu r-Re bħala s-Sovran tal-ġżejjer tagħha. Iżda meta l-qawwiet Franċiżi ċedew l-armi tagħhom lil dawk Brittaniċi, fl-4 ta’ Settembru 1800, qam ferment fi ħdan il-Kungress Malti, għaliex ħafna mill-membri tiegħu ma kinux infurmati b’dak li kien qiegħed jiġri. L-awtur tal-ktieb imsemmi, jgħidilna li kien Borg Brared li rnexxielu jikkalma s-sitwazzjoni u jikkonvinċi lill-qawwiet Maltin biex iċedu l-armi tagħhom huma wkoll lill-Ingliżi u jiddepożitawhom fl-armerija fil-Belt Valletta.

Fost ħafna dettalji dwar il-karattru nobbli ta’ Borg Brared, insibu li kien magħruf sew għall-onestà kbira tiegħu u għall-għeruq reliġjużi Nsara li kien iħaddan. Is-sens għoli ta’ ġustizzja li kellu Vincenzo, kien jagħmlu persuna mfittxija sew fost il-poplu Karkariż

Bl-argumenti sodi u konvinċenti ta’ Borg Brared, il-Maltin issottomettew ruħhom għat-tmexxija tal-Imperu, xoljew il-Kungress u ġew imwiegħda li fil-futur qrib kellhom jingħataw iddritt li jeleġġu b’mod demokratiku u ħieles il-Consiglio Popolare

Bl-argumenti sodi u konvinċenti ta’ Borg Brared, il-Maltin issottomettew ruħhom għat-tmexxija tal-Imperu, xoljew il-Kungress u ġew imwiegħda li fil-futur qrib kellhom jingħataw id-dritt li jeleġġu b’mod demokratiku u ħieles il-Consiglio Popolare li kien diġà jeżisti fl-ewwel xhur tal-okkupazzjoni Franċiża. Iżda sfortunatament dan baqa ma seħħ qatt.

Il-kapitlu tal-ktieb li jiddeskrivi l-karattru ta’ Vincenzo Borg Brared jgħid li s-sentimenti tiegħu dwar il-libertà kienu jixbhu ħafna lil dawk tal-Ingliżi u għalhekk kien bniedem li kien jobgħod l-estremiżmu u l-ħakma bitterrur. L-awtur jikkonkludi d-deskrizzjoni dettaljata tiegħu tal-kwalitajiet ta’ dan il-Karkariż magħruf b’dan il-kliem: “Vincenzo Borg Brared, mingħajr kburija kellu moħħ intelliġenti u għaqli; mingħajr preġudizzji fuq ħadd, kien devot u jipprattika dak li jemmen; mingħajr ma kien ta’ skola kbira kellu għarfien profond tal-ħajja u tas-sitwazzjoni politika ta’ pajjiżu; mingħajr ma kien oratur, kellu l-kapaċità li jipperswadi bi kliemu; minkejja li kien sinjur, l-għana u l-ambizzjoni qatt m’għamlu bih, u dejjem uża ġidu biex jaqsmu mal-oħrajn; kien bniedem sempliċi u umli, tant li min ma jkunx jafu żgur li ma kienx jintebaħ li kien l-istess eroj u patrijott li ħafna kienu jaraw; id-dieta u l-istil ta’ ħajja tiegħu kienu mill-iktar sempliċi għalkemm l-ospitalità kbira ta’ daru kienet waħda mill-iktar magħrufa; u fl-aħħar nett, kellu kapaċità għaqlija kif jaħkem fuq il-ħsibijiet imħawda tal-poplu, speċjalment ta’ dawk imħajra mis-sens ta’ vjolenza u tpattija, u bl-intelliġenza u bl-għaqal tiegħu kien idawwalhom u jiddereġihom lejn it-triq tas-sewwa.

Vincenzo Brared miet fit18 ta’ Lulju 1837 fl-età ta’ 60 sena u ndifen fil-Bażilika Kolleġġjata ta’ Sant’Elena, proprju fir-raħal li tant ħabb u li tiegħu kien wieħed millaqwa benefatturi ta’ kull żmien.

This article is from: