2 minute read

reċensjoni tal-ktieb SEKONDA BEJN TNEJN

Fetaħ għajnejh, maħsud. Ħares lejn l-arloġġ u sabhom it-tlieta u nofs ta’ filgħodu. Kien għarqan xraba tant li l-flokk li bih kien rieqed kien imwaħħal miegħu. In-nifs kien maħtuf bħallikieku kien għadu kif ġera xi ġirja sew. Il-ħmar il-lejl li kien qajmu kien l-istess wieħed li kien ilu jippossedih minn mindu kien tfal. Dawwar saqajh minn fuq is-sodda u qam bil-mod biex ma jqajjimx lill-mara li kienet rieqda ħdejh. Daharha lejh, ma tniffsitx.

Neża’ l-flokk li kien jingħasar u ħa ieħor bl-amment minn ġol-kexxun mingħajr ma xegħel id-dawl. Imnalla kien hemm qamar mimli għax bid-dawl kiebi tiegħu dieħel mill-gallarija wrieh fejn kien sejjer mingħajr problemi. Ħareġ fl-indana mdallma u ħares lejn il-bieb li kien jagħti għall-kamra ta’ bintu, imbagħad lejn it-taraġ li kien jidher qisu nieżel f’abbiss bid-dlam li kien hemm. Tbissem u ftakar f’tifla ċkejkna f’waħda mill-istejjer li kienu jħobbu wliedu. Kienet staqsiet lill-Qattus liema triq kellha tagħżel. “Fejn tixtieq tmur?” kien weġibha l-Qattus. Meta hi wieġbet li ma kinitx taf, il-Qattus sostna li la ma tafx fejn sejra allura ma kienx jimporta liema triq tieħu. Dak il-ħin hu ma kellux dubju fejn ried imur għax kellu griżmejh nixfin għuda u kellu bżonn jixrob. Mingħajr ma xegħel, beda nieżel it-taraġ. Fid-dawra kważi ħadha għal isfel għax saqajh niżlet fuq xi ħaġa kbira mimlija suf. Kien il-kelb li kien iktar qisu lupu kemm fil-qies kif ukoll fid-dehra. “Għoddok waqqajtni, sabiħ!” qallu minn taħt l-ilsien. Dak ma tax kas; qam u niżel wara sidu. Fil-kċina xegħel id-dawl għax hemm żgur li ma kien se jtellef lil ħadd. Ferra’ tazza ilma minn ġol-friġġ u poġġa bilqiegħda mal-mejda. Bil-mod il-ħolma bdiet tielgħa fil-wiċċ u beda jaħseb fiha mill-ġdid.

Advertisement

Il-ħolma dejjem kienet tibda l-istess. Kien ikun qiegħed bilqiegħda fuq ix-xarabank li kienet twasslu l-iskola. F’idejh kellu ġugarell ċkejken li kien tahulu missieru. Ma kienx xi ġugarell għali imma għalih kien ifisser ħafna. Kien tant ċkejken li kien jintilef fil-pala ta’ idu: tank tal-gwerra miżbugħ aħdar lewn iż-żebbuġ bi ftit iswed ’l hawn u ’l hinn. Minnufih, wieħed tifel, li kien jaqbad spiss miegħu, ħatafulu u beda jiddieħek bih.

“Hawn x’għandek? Jaqq! Dan x’inhu? Kemm hu ikrah!” F’daqqa waħda, qabad il-ġugarell u waddbu barra mit-tieqa tax-xarabank li kienet fi triqtha minn tas-Sliema għal Birżebbuġa. Didier, li kien ilu wisq jaqla’ mingħand dan it-tifel u sħabu, sibel. Qam minn postu u qabad lit-tifel mill-kaxxa ta’ sidru u sabbtu man-naħa l-oħra tax-xarabank.

F’dak il-waqt kien jara lit-tfal l-oħra ta’ fuq ix-xarabank iqumu u jinbidlu fi xjaten. Imbagħad kien jarahom iduru miegħu u jibdew iqattgħu fih. F’dak il-mument kien jistenbaħ b’qalbu tħabbat u l-għaraq ixoqq għalih. Fis-sigurtà tal-kċina, bilkelb imgeddes ma’ saqajh, ma kienx jintrikeb bilbiża’ kif kien meta kien tfajjel, imma f’dik il-ħemda, il-memorja ħaditu lura għal dak iż-żmien u ntilef fil-ħsibijiet.

Meta kien żgħir kien xi ftit mibrum, anzi stajt tgħidlu oħxon. Minħabba f’hekk kien spiss isib ruħu fil-mira ta’ erbat itfal ikbar minnu li ma kinux isibu divertita isbaħ milli jaqbdu miegħu. Ftakar kif kien iħossu, tifel żgħir wieqaf quddiem l-istaffa tax-xarabank li kienet tkun qed tistennieh biex twasslu lura d-dar wara l-iskola. Ħass l-għaraq ixoqq għalih bilbiża’. Kuljum preċett kien jaqla’ ikla tgħajjir u ġieli xi daqqtejn ukoll fi triqtu mill-iskola lejn id dar. “Boċċuuuu!” kienu jgħajtu b’ħanġra daqsxiex. Kien ibaxxi rasu, forsi xi darba jiddejqu, imma sfortunatament bil-kontra kien jiġri. Daqqa jiġbdulu l-basket u jbattluhulu mal-art. Daqqa jaqbduh be- jniethom u jġebbduh minn hemm għal hawn. Ġieli kienu jwaħħlulu xi daqqtejn bil-pala ta’ idhom biex ma jitbenġilx – imma hu kien iweġġa’ xorta waħda, u mhux ftit.

Mistoqsija: X’kien il-ħin li fih il-protagonist qam maħsud?

Ibagħtu r-risposta tagħkom lil: Kompetizzjoni Ktieb, KullĦadd, ONE Complex A 28B, Industrial Estate, il-Marsa MRS 3000, u tidħlu biċ-ċans li tirbħu l-ktieb SEKONDA BEJN TNEJN. Ir-rebbieħ jitħabbar nhar il-Ħadd 28 ta’ Mejju. Ir-rebbieħa huma mitluba jiġbru l-ktieb mill-ONE Complex, il-Marsa, billi jippreżentaw il-karta tal-identità, flimkien mal-ittra li se tintbagħtilhom minn din il-gazzetta, mit-Tlieta sal-Ġimgħa bejn id-09.00 u s-13.00, u s-Sibt bejn il-11.00 u l-16.00, festi pubbliċi esklużi. Intant, ir-rebbieħa tal-ktieb MADAME ORTENSJA PASKWALINA DE ROHAN hija:

Ġemma’ l-kupuni ta’ ħames ġimgħat wara xulxin kif ukoll wieġeb il-mistoqsija marbuta mal-aħbarijiet. Ibgħathom f’daqqa lil: KOMPETIZZJONI €100, KullĦadd, ONE Complex, A 28 B, Industrial Estate, Il-Marsa MRS 3000

Liema kapitlu ġie emendat f’Diċembru li għadda b’rabta mal-kiri tar-raba’?

Isem:

Numru tat-telefown:

Tweġiba:

Indirizz:

This article is from: