2 minute read

20 ĠGANT TAS-SEKLU 20

Ktieb ġdid ta’ Robert Aloisio

Fl-okkażjoni tal-75 sena mill-assassinju ta’ Mahatma Gandhi, l-għalliem u awtur Robert Aloisio ħareġ id-disa’ ktieb tiegħu li jġib l-isem Għoxrin Ġgant tas-Seklu Għoxrin

Advertisement

Il-filosfu Skoċċiż Thomas Carlyle kien qal li “ebda bniedem kbir ma għex għalxejn... l-istorja tad-dinja mhi xejn ħlief il-bijografija ta’ nies kbar”. Huwa proprju għalhekk li permezz ta’ dan ilktieb Aloisio xtaq iwassal lill-qarrejja tiegħu ġabra ta’ għoxrin personaġġ tas-seklu għoxrin.

Aloisio għażel li jikteb dwar Gandhi, Albert Schweitzer, Einstein, Helen Keller, Giuseppe Moscati, Franklin Roosevelt, Charlie Chaplin, Giorgio La Pira, Dietrich Bonhoeffer, Madre Tereża, Thomas Merton, Oscar Romero, Nelson Mandela, Elie Wiesel, Martin Luther King, Anne Frank, Mikhail Gorbachev, Giovanni Falcone, Muhammad Alì u Lech Walesa. Tassew ġganti ta’ żmienna.

Fid-daħla għall-ktieb tiegħu, Aloisio jgħid li “l-għażla tal-personaġġi hija waħda personali u suġġettiva. Lanqas ma hija neċessarjament l-għażla tal-ikbar għoxrin personaġġ tas-seklu l-ieħor, għalkemm ħafna mill-ismijiet igawdu apprezzament internazzjonali kważi unanimu. Huma għoxrin personaġġ li jien personalment nammira għax b’li qalu u fuq kollox b’li għamlu għad għandhom ħafna x’jgħidulna wkoll illum il-ġurnata.”

X’jagħmel bniedem kbir? U x’hemm komuni bejn dawn l-għoxrin ġgant tas-seklu għoxrin? Minkejja d-differenzi ġeografiċi u kulturali li kien hemm bejniethom, dawn l-għoxrin ġgant kienu lkoll, fi kliem l-awtur “persuni mimlija b’enerġija, b’entużjażmu u b’ħerqa biex jagħmlu dinja aħjar, biex jagħtu kontribut pożittiv lill-ħajja tal-bniedem. Kienu jemmnu li setgħu jagħmlu differenza fis-soċjetà. U filfatt għamluha.”

Aloisio jgħid li dawn il-“ġganti” ma kinux nies perfetti. Kellhom id-difetti tagħhom ukoll. Kienu ġganti imperfetti. Anke dawk li wara mewthom ġew iddikjarati qaddisin. Imma l-intenzjoni ewlenija tagħhom kienet li jgħinu lill-oħrajn iktar milli biex jonfħu l-ego tagħhom u jagħmlu isem mad-dinja.

“M’iniex qaddis,” kien qal Nelson Mandela, “sakemm b’qaddis ma tifhimx midneb li jibqa’ jipprova”. Nippruvaw nagħmlu differenza għall-aħjar fil-ħajja tal-oħrajn, jissokta jgħid Mandela, għax “li jgħodd fil-ħajja mhuwiex sempliċement li għexna, iżda d-differenza li għamilna fil-ħajja tal-oħrajn hija dik li tagħti tifsira lil ħajjitna”.

Kienu lkoll nies li ppruvaw jaraw it-tajjeb fl-oħrajn u joħorġu l-aqwa mill-persuni ta’ madwarhom. Fittxew li jgħaqqdu lin-nies u mhux jifirduhom. Bnew pontijiet u mhux ħitan. Kienu tassew ċittadini tad-dinja. Għax kif qal Martin Luther King, “irridu nitgħallmu ngħixu flimkien bħall-aħwa jew inkella nintilfu flimkien bħall-boloh”.

Bħala student, jgħid Aloisio, “jiena tgħallimt inħobb dawn il-personaġġi; bħala għalliem, għallimt bosta studenti jsiru jħobbuhom huma wkoll. Jal- la dan il-ktieb iservi ta’ għodda tajba għall-għalliema biex jedukaw fil-veri valuri u gwida għaż-żgħażagħ tagħna biex jerġgħu jiskopru l-ideali sbieħ u għoljin li kellhom dawn l-għoxrin ġgant tas-seklu għoxrin”.

Aloisio diġà sar isem stabbilit fil-qasam tal-bijografiji bil-kotba tiegħu Qatlu lill-Arċisqof (2015) dwar San Oscar Romero, Falcone u Borsellino (2017), Għaxra Żgħar Imma Kbar (2020) dwar għaxar żgħażagħ qalbiena, u Il-Papiet Kbar ta’ Żmienna (2022).

Barra minn hekk, Robert Aloisio huwa awtur ta’ erba’ kotba oħra: Sfidaw lill-Mafja (2017), Għall-Passiġġati (2019), Knisja u Mafja (2021) u L-Iskola

Mistoqsija: X’kien qal il-filosfu Skoċċiż Thomas Carlyle?

St Michael (2022); u ta’ diversi artikli, ħafna minnhom bijografiċi, f’ġurnali u rivisti lokali. Kiteb ukoll numru ta’ drammi għall-istudenti. Aloisio jieħu ħsieb numru ta’ paġni u gruppi fuq il-midja soċjali ħafna minnhom b’rabta mal-kitbiet tiegħu.

Il-ktieb, xogħol ieħor sabiħ ta’ Pubblikazzjonijiet Preca, il-fergħa tas-Soċjetà tal-MUSEUM responsabbli mill-pubblikazzjonijiet tagħha, jinkiseb mil-Librerija Preca li tinsab maġenb il-Kappella ta’ San Ġorġ Preca l-Blata l-Bajda. Min isib diffikultà biex jakkwistah jista’ jċempel 2122 2626 jew jikteb lill-awtur fuq robertaloisio@ gmail.com

Ibagħtu r-risposta tagħkom lil: Kompetizzjoni Ktieb, KullĦadd, ONE Complex A 28B, Industrial Estate, il-Marsa MRS 3000, u tidħlu biċ-ċans li tirbħu l-ktieb 20 ĠGANT TAS-SEKLU. Ir-rebbieħ jitħabbar nhar il-Ħadd 12 ta’ Marzu. Ir-rebbieħa huma mitluba jiġbru l-ktieb mill-ONE Complex, il-Marsa, billi jippreżentaw il-karta tal-identità, flimkien mal-ittra li se tintbagħtilhom minn din il-gazzetta, mit-Tlieta sal-Ġimgħa bejn id-09.00 u s-13.00, u s-Sibt bejn il-11.00 u l-16.00, festi pubbliċi esklużi. Intant, ir-rebbieħa tal-ktieb NATAL FELICE U ĠNIEN IL-MISTRIEĦ hija:

Ġemma’ l-kupuni ta’ ħames ġimgħat wara xulxin kif ukoll wieġeb il-mistoqsija marbuta mal-aħbarijiet. Ibgħathom f’daqqa lil: KOMPETIZZJONI €100, KullĦadd, ONE Complex, A 28 B, Industrial Estate, Il-Marsa MRS 3000

X’inhi r-rata li laħaq it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna fl-2022?

Isem:

Numru tat-telefown:

Tweġiba:

Indirizz:

This article is from: